Proċedura ta' Teħid ta' Kampjuni

Proċeduri ta’ Teħid ta’ Kampjuni ta’ Ilma għall-Għawm

Kampjuni tal-ilma baħar miġbura mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali huma mmonitorjati għal parametri mikrobijoloġiċi, dawn il-kampjuni jeħtieġu attenzjoni kbira u huma meħtieġa sensiela ta’ passi qabel ma jsiru disponibbli r-riżultati. F’kull pass hemm riskju li titħassar il-proċedura kollha. L-isterilità u t-temperatura korretta (eż. tkessiħ) huma ta’ importanza ewlenija fit-twettiq ta’ dan il-programm.

L-uffiċjali li jiġbru dawn il-kampjuni tal-ilma baħar isegwu din il-proċedura ta’ teħid ta’ kampjuni:

l-Ewwel Pass

Flixkun tal-kampjun sterili nadif huwa mwaħħal mal-virga tal-kampjun. Immedjatament qabel ma tgħaddas il-flixkun tal-kampjun, l-għatu jitneħħa u jinżamm fl-idejn.

it-Tieni Pass

Il-flixkun huwa mgħaddas bejn 20 u 30 ċm taħt il-wiċċ tal-ilma bl-użu tal-virga. Il-ħalq tal-flixkun jinżamm 'l isfel (sabiex tiġi evitata kontaminazzjoni eċċessiva mill-ilma tal-wiċċ).

it-Tielet Pass

Il-kampjun jiġi mdawwar 'il fuq, u jerġa' jingħalaq bl-istess għatu. Il-kampjun imbagħad jitneħħa u jitqiegħed f'apparat li jkessaħ li jkun fih pakketti tas-silġ iffriżati. Il-flixkun jiġi immarkat kif għandu jkun. Il-kampjuni jinżammu fid-dell u mhux esposti għal temperaturi ogħla minn +10°C.